Mur għall-kontenut ewlieni
Finance

Agħmel ilment dwar fornitur ta’ servizzi finanzjarji f’pajjiż ieħor taż-ŻEE

Dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà:
Id-Direttorat Ġenerali għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali tal-Kummissjoni Ewropea (DĠ FISMA), f’isem is-servizzi tal-Kummissjoni, qatt mhu se jitlob l-informazzjoni personali tiegħek permezz tat-telefown jew tal-email, inklużi l-ilmenti possibbli tiegħek ma’ fornitur tas-servizzi finanzjarji. Aktar informazzjoni dwar din id-dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà.

X’inhu fornitur ta’ servizzi finanzjarji

Il-fornituri ta’ servizzi finanzjarji huma negozji li jimmaniġġjaw il-flus f’isem il-klijenti. Dawn jinkludu

  • banek, unjonijiet tal-kreditu u kumpaniji tal-finanzi tal-konsumaturi
  • kumpaniji tal-karti tal-kreditu, emittenti tal-flus elettroniċi u istituzzjonijiet ta’ pagamenti oħrajn
  • kumpaniji tal-assigurazzjoni
  • ditti tal-investiment (eż. sensara finanzjarji, maniġers tal-assi, maniġers tal-portafoll jew konsulenti tal-investiment)

X’għandek tagħmel jekk trid tressaq ilment

Il-FIN-NET jista’ jkun kapaċi li jgħin fis-soluzzjoni għall-ilment tiegħek barra l-qorti jekk

  • tgħix fl-Unjoni Ewropea, fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein jew fin-Norveġja, u
  • għandek ilment dwar fornitur ta’ servizzi finanzjarji f’pajjiż ieħor minn dawn il-pajjiżi

Segwi dawn it-3 passi biex issib soluzzjoni għall-ilment tiegħek.

1. Ikteb lill-fornitur tiegħek

L-ewwel prova solvi l-problema inti stess billi tikteb direttament lill-fornitur tas-servizzi finanzjarji tiegħek. Spjega b’mod ċar għaliex m’intix kuntent, u għidilhom dak li tixtieq tagħmel.

2. Imla l-formola tal-FIN-NET

Jekk m’intix kuntent bit-tweġiba tal-fornitur tiegħek – jew jekk ma tirċievi ebda tweġiba – imbagħad iddawnlowdja u imla l-formola tal-FIN-NET għall-ilmenti transfruntieri.

Tista’ wkoll tikkuntattja direttament lil kwalunkwe membru tal-FIN-NET u titlobhom gwida. Sib informazzjoni ta’ kuntatt għall-membri kollha f’kull pajjiż hawnhekk.

3. Ibgħat il-formola lil membru tal-FIN-NET

Ibgħat b’email jew bil-posta l-formola lil kwalunkwe membru tal-FIN-NET jew

  • f’pajjiżek, jew
  • fil-pajjiż tal-fornitur tiegħek

Sib informazzjoni ta’ kuntatt għall-membri kollha f’kull pajjiż hawnhekk.

X’jiġri wara

Il-membru tal-FIN-NET se jgħidlek jekk jistax isolvi l-problema tiegħek, jew jista’ jirreferik lil organizzazzjoni oħra li tista’ tgħinek. Tista’ tiġi mistoqsi biex tagħti informazzjoni addizzjonali biex il-każ tiegħek jiġi vvalutat b’mod xieraq.

Il-biċċa l-kbira tal-membri tal-FIN-NET jistgħu jgħinuk mingħajr ħlas jew bi prezz baxx. Normalment jilħqu eżitu fi żmien 90 jum.

Il-fornituri tas-servizzi finanzjarji normalment mhumiex obbligati li jsegwu d-deċiżjonijiet tal-membri tal-FIN-NET, iżda l-biċċa l-kbira għandhom it-tendenza li jagħmlu dan b’mod volontarju.

Jekk ma jagħmlux dan, jew jekk m’intix sodisfatt bil-mod li bih ġie mmaniġġjat l-ilment tiegħek, għandu mnejn ikollok bżonn tmur il-qorti.

Dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà

  • Il-FIN-NET MHUX aġenzija jew awtorità tal-UE. Il-FIN-NET hu network ta’ organizzazzjonijiet nazzjonali responsabbli għas-soluzzjoni tal-ilmenti tal-konsumaturi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji barra mill-qorti.
     
  • Il-FIN-NET MA JikkuntattjaX jew jitlob liċ-ċittadini biex jinvolvu ruħhom jew jikkooperaw fi kwalunkwe investigazzjoni, proġett jew proċess
     
  • Il-FIN-NET QATT ma jitlob informazzjoni relatata mal-ipproċessar tal-ilmenti tal-konsumaturi jew jintervjeni fih. Dan hu xogħol l-awtoritajiet nazzjonali
     
  • Il-FIN-NET QATT mhu se joħroġ multi, tariffi jew sanzjonijiet kontra ċittadini individwali
     
  • Jekk xi ħadd ikkuntattjak u ppretenda li hu membru tal-FIN-NET - jew li qed jopera f’isem il-FIN-NET - u qed joffrilek rifużjoni, jew għajnuna biex tirkupra l-flus, dan huwa tentattiv ta’ qerq. Nirrakkomandaw bil-qawwa li ma tikkonformax mat-talba u tressaq ilment mal-awtoritajiet nazzjonali tiegħek
     
  • Il-FIN-NET m’għandux isem tad-dominju tal-email, għaliex huma l-awtoritajiet nazzjonali li qed jużaw il-FIN-NET biex jikkooperaw ma’ xulxin
     
  • L-indirizzi tal-email kollha tal-Kummissjoni Ewropea jispiċċaw b’“@ec.europa.eu”. Kwalunkwe dominju ieħor tal-indirizzi tal-email mhuwiex relatat mal-Kummissjoni Ewropea